Aspetti mill-Festa tal-2011

  • Il-festa tal-2011 infetħet uffiċjalment fit-12 ta’ Mejju meta l-Banda San Filep għamlet marċ brijuż fit-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ u r-radju tal-komunita tal-Għaqda Każin Banda San Filep beda jxandar fuq il-frekwenza 106.3 FM. Din is-sena ir-radju reġa’ kien jinqabad ukoll fuq l-internet. Iż-żgħażagħ żanżnu CD ġdida ta’ kanzunetti mżewqa għall-festa. Dak inhar beda jitqassam il-fuljett bil-kulur “Ta’ L-Istilla” u ħarġet għall-bejgħ munita kommemorattiva tal-160 sena tal-banda.
  • Nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju saret il-purċissjoni ta’ San Filep tat-tfal akkumpanjati minn żewġ gruppi ta’ bandisti: fuq quddiem kien hemm banda tal-aljievi u warajha Banda taż-Żgħażagħ tal-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Michael Ciantar. Il-purċissjoni bdiet minn ħdejn il-Kappella tad-Duluri u għaddiet minn Triq il-Kbira, Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Wara l-purċissjoni t-tfal kellhom attività rikrejattiva fil-każin.
  • Nhar il-Ħamis 2 ta’ Ġunju sar ir-riċeviment annwali għall-membri fil-każin.

X_14_Henning X_25_Henning _DSC3343 _DSC4730 _DSC4808 DSCF0221 DSCF0261

  • Iżżanżan pavaljun tad-drapp bl-emblema tal-Banda San Filep, li ddendel mal-gallerija. Il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju, f’Misraħ San Filep sar programm mużikali speċjali mill-Banda San Filep, taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru, l-Onorevoli Dr Laurence Gonzi. Dan il-kunċert kien jikkommemora il-160 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda San Filep, l-eqdem waħda fil-gżejjer Maltin. Il-Banda San Filep kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja FLCM,FVCM(Hons.). Ippresentaw Graziella Attard u Brian Bonnici. Matul il-programm iżżanżan il-pedestall ta’ San Filep jiskonġra li ġie restawrat kollu mill-grupp tal-armar tal-Għaqda Każin Banda San Filep.
  • Is-Sibt 4 ta’ Ġunju, fi Triq Sciortino saret l-ikla l-kbira ta’ qabel il-festa, organizzata mill-Kummissjoni Nar tal-Għaqda Każin Banda San Filep. Kien hemm divertiment minn bosta kantanti u minn Joe Demicoli.
  • Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju, filgħodu kien hemm ir-riċeviment annwali tas-Sezzjoni Żgħażagħ fil-Każin Banda San Filep. Beda jitqassam il-ktieb tal-festa mitbugħ mill-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851. Filgħaxija il-Banda San Filep għamlet marċ fi tmiem il-funzjoni tal-ħruġ tal-istatwa ta’ San Filep min-niċċa. Beda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u għadda għal Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Kien hemm ukoll ħruq ta’ murtali tal-logħob, tal-kulur u kaxxa nfernali.
  • It-Tnejn 6 ta’ Ġunju filgħaxija fil-każin sar ir-riċeviment annwali għall-mistednin speċjali u benefatturi.
  • It-Tlieta 7 ta’ Ġunju, il-Banda Santa Marija tal-Qrendi, mistiedna mill-Banda San Filep, għamlet marċ li beda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali għal Misraħ San Filep u għadda minn dawn it-toroq: L-Isqof, De Rohan, il-Kbira, Miju Żarb, Vjal il-Ħelsien, Santu Rokku, Mamo, is-Siġġiewi, Sant’Antnin, il-Knisja, il-Parroċċa, San Ġużepp, Madonna tal-Anġli, il-Kbira u intemm f’Misraħ San Filep. Fi tmiem il-marċ iżżanżnet bandiera kbira mogħtija lill-każin mis-Sezzjoni Żgħażagħ u mpittra minn Joe Tanti. Is-serata għalqet b’rappreżentazzjni awdjo-viżiva fuq skrin kbir fi Triq Sciortino li ttrattat il-160 anniversarju tal-Banda San Filep.
  • Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju, sar marċ mill-Banda San Filep minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali għal Misraħ San Filep u għadda minn dawn it-toroq: il-Parroċċa (b’waqfa għand l-Arċipriet), Sciortino, Lorenzo Gafà, Filippo Calleja, L-Isqof Caruana, Dun Mikiel Xerri, Id-Duluri, il-Kbira u intemm f’Misraħ San Filep. Fil-bidu tal-marċ iżżanżnet colonna ġdida tal-Evanġeliti tal-pjazza lesta mil-lavur u ż-żebgħa. Matul il-marċ kien hemm ħruq ta’ nar ta’ l-ajru u fit-tmiem nar tal-art mis-St Philip Fireworks Factory.
  • Il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, waslet f’Ħaż-Żebbuġ l-urna tal-fidda bl-għadam ta’ San Filep li nġabet mill-Kunsill Lokali minn Agira fi Sqallija. Din kienet l-ewwel darba li din l-urna ħarġet ‘il barra mill-Italja. Flimkien mal-Kunsill Lokali u l-parroċċa kien hemm it-tfal tal-iskejjel u rappreżentanti tal-każini tal-banda Żebbuġin jakkumpanjaw l-urna li minn ħdejn il-Bieb De Rohan ittieħdet proċessjonalment sal Kappella tal-Madonna tal-Grazzji. Bil-lejl saret wirja spettakulari ta’ nar tal-art mis-St Philip Fireworks Factory li kienet iffilmjata minn truppa tan-National Geographic Magazine biex minnha jdaħħlu silta f’dokumentarju dwar l-iżvilupp tal-logħob tan-nar. Biex iħejju dan id-dokumentarju,din it-truppa żaret iċ-Ċina, l-Italja, Malta u l-Amerika. L-ispeċjalità li sabu f’Malta kienet il-mekkanizzazzjoni fin-nar tal-art. Dehru sodisfatti ħafna b’dak li raw u ġibdu. Huma ġew wara kuntatti li kienu għamlu ma Dr Godfrey Farrugia.
  • Is-Sibt 11 ta’ Ġunju, lejlet il-festa, filgħodu sar ħruq ta’ nar ta’ l-ajru waqt it-Te Deum, wara nofs inhar waqt it-translazzjoni u bil-lejl spettaklu kbir ta’ nar tal-kulur matul il-programm tal-banda. Filgħodu, l-urna ta’ San Filep ittieħdet mill-Kappella tal-Grazzja għal dik tal-Madonna tal-Anġli minfejn wara nofs inhar ittieħdet proċessjonalment għall-Knisja Parrokkjali waqt it-translazzjoni solenni. Kmieni wara nofs inhar, Ruth Castillo, ġurnalista ma l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni TVM intervistat lil Dr Godfrey Farrugia dwar l-ispettaklu tan-nar tal-ajru li s-St. Philip fireworks factory kellha ppreparat għal filgħaxija u li kien se jinħaraq bis-sistema kompjuterizzata Fire-One. L-intervista saret fl-għalqa tal-ħruq fejn kien diġa ppreparat in-nar u xxandret it-Tnejn 13 ta’ Ġunju 2011. Il-Banda San Filep għamlet marċ qasir minn ħdejn il-Bieb De Rohan, għal Triq il-Kbira sa Misraħ San Filep. Wara il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja, FLCM, FVCM(Hons.) għamlet programm vokali u strumentali, f’Misraħ San Filep,. Ħadu sehem il-vjolinista Dr. Joseph Chetcuti, is-Sopran Joan Mangion, it-Tenur Joseph Aquilina, il-Baritonu Ivan Vella, u l-Kor Mirabitur immexxi minn Simone Attard. Ippreżentaw Graziella Attard u Peter Paul Ciantar.

_DSC7221 _DSC4731 110512 Zebugg Abends 403_Henning DSCF0032DSCF0096 DSCF0098 Pic1

  • Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju, bejn id-9:15 u s-13:15 sar il-marċ ta’ filgħodu mill-Banda San Filep li beda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali għal Misraħ San Filep u għadda minn dawn it-toroq: Sciortino, il-Parroċċa, San Ġużepp, Ħali, Pawlu Debono, Prinċep Bażiliku, Ħal Dwin, Pelaġju Mifsud, Karlu Gimach, il-Mitħna, Fra Ferd Mattei, Franġisku Żahra, Madonna Tal-Grazzja, il-Kbira u ntemm f’Misraħ San Filep fejn il-banda telgħet fuq il-planċier biex tgawdiet aħjar mill-partitarji li mlew Triq Sciortino, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep. Fis-18:00 beda marċ mill-Banda Pinto, San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, mistiedna tal-Banda San Filep. Għadda minn dawn it-toroq: Ġanni Bonnici, Ħal Mula, Dun Salv Trevisan, Ludoviko Mifsud Tommasi, is-Sindku Vella, Mamo, Sant’Antnin u Misraħ San Filep fejn din il-banda għamlet programm fuq il-palk quddiem iz-zuntier, waqt il-ħruġ tal-purċissjoni. Fis-19:00, il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, mistiedna tal-Banda San Filep, għamlet marċ minn Triq il-Kbira (quddiem il-Coronation Bar) għal Triq Sciortino (sal Golden Lion Bar) u lura lejn Misraħ San Filep. Wara għamel programm mużikali fuq il-planċier tal-Banda San Filep, li matulu sellmet lill-istatwa u lill-Urna ta’ San Filep waqt li dawn għaddew proċessjonalment minn quddiem il-każin ġo Misraħ San Filep. Fid-21:00, il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, mistiedna tal-Banda San Filep, laqgħet il-purċissjoni bl-istatwa u bl-Urna ta’ San Filep ħdejn il-Kappella tad-Duluri. Meta l-purċissjoni qasmet Misraħ San Filep u waslet fuq iz-zuntier, din il-banda kien hemm lesta biex terġa’ tilqaha sakemm tidħol fil-knisja. Is-St. Philip Fireworks Factory tat spettaklu ta’ nar tal-ajru matul il-ħin tal-purċissjoni. Dan beda b’salut, kompla bil-kaxxa tal-ħruġ, murtali u murtaletti. X’ħin dalam l-ispettaklu qaleb għall-kulur u għalaq bil-kaxxa tad-dħul. Wara d-dħul tal-purċissjoni waslu fil-knisja il-grupp tan-nar biex jirringrazzjaw u jsellmu lil San Filep bil-fjuri. Wara l-barka il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, għamlet il-marċ tad-dilettanti tan-nar, li beda minn fuq iz-zuntier u mexa għal Misraħ San Filep u Triq il-Kbira u ntemm f’nofs il-lejl quddiem il-Każin San Filep, fl-għeluq tal-festa.
  • It-Tlieta 14 ta’ Ġunju, fil-każin saret l-ikla ta’ wara l-festa organizzata mis-Sezzjoni Nisa tal-każin.
  • 24 ta’ Ġunju fil-Knisja Arċiretali saret quddiesa ta’ radd il-ħajr għal festa mitmuma b’wiċċ il-ġid.
To top