Aspetti mill-Festa tal-2012

  • Bħal snin oħra l-festa nfetħet uffiċjalment fit-12 ta’ Mejju, l-jum liturġiku tal-patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ, San Filep. Il-Banda San Filep iffurmata fil-parti l-kbira minn bandisti żgħażagħ tal-post li saru jlaħħqu l-ħamsin, esegwit marċ brijuż ma diversi toroq tar-raħal fejn kienet akkumpanjata minn numru sabiħ ta’partitarji. Il-briju laħaq il-qofol tiegħu hekk kif waslet fil-viċinanzi tal-każin. Is-St Philip Fireworks Factory ukoll tat is-sehem tagħha bil-ħruq ta’ diversi murtali tal-beraq u oħrajn tal- kulur. Dak inhar beda jxandar uffiċjalment ir-radju tal-komunitarju tal-każin fuq il-frekwenza 106.3FM u baqa, għaddej bix-xandiriet bla waqfien sa jum il-festa. B’hekk kien qed iwassal leħen l-għaqda u jgħarraf lil komunità Żebbuġija bl-attivitajiet kulturali u reliġjużi li jkunu għaddejjin.

Pic1 Pic2 Pic3 Pic4Pic5 Pic6 Pic7

  • Nhar L-Erbgħa 30 ta’ Mejju, fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ irrenjant atmosfera ta’ ferħ moħluq minn numru sabiħ ta’ tfal li attendew bi ħġarhom għall-purċissjoni magħrufa bħala ta’ San Filep iż-żgħir. Din hija tradizzjoni ħelwa fejn it-tfal li jattendu jingħataw l-opportunita li jerfgħu istatwa żgħira ta’ San Filep fuq bradella żgħira magħmula apposta għalihom. Tfal oħrajn ġarrew għadd sabiħ ta’ bandalori. Il-Banda taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Ciantar allegrat il-purċissjoni. Numru sabiħ ta’ aljievi ukoll daqqew bħala banda żgħira waqt li akkumpanjat l-istess purċissjoni. Għall-ewwel darba din is-sena ġiet imnedija rappreżentazzjoni ħajja ta’ xeni qosra mill-ħajja ta’ San Filep maħdumin mis-St Philip Pageant Group. Dawn irrakkontaw lil dawk preżenti parti mill-ħajja ta’ San Filep u tfal u l-kbar segwewhom b’attenzjoni kbira.
  • Il-Ħamis 31 ta’ Mejju fil-każin sar ir-riċeviment annwali għall-membri tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851.
  • Is-Sibt 2 ta’ Ġunju, fi Triq Sciortino saret l-ikla l-kbira ta’ qabel il-festa, organizzata mill-Kummissjoni Festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851. Kien hemm divertiment minn kantanti u kummidjanti fosthom Joe Demicoli.
  • Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, filgħodu sar ir-riċeviment annwali tas-Sezzjoni Żgħażagħ fil-każin. Beda jitqassam il-ktieb tal-festa mitbugħ mill-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851. Sar ukoll it-tberik tal-Grupp tan-nar fil-ftuħ ta’ ġimgħa li matulha dawn jaħdmu bla nifs biex jippreżentaw lill-pubbliku l-wirjiet pirotekniċi li jkunu ppreparaw matul is-sena. Filgħaxija il-Banda San Filep għamlet marċ fi tmiem il-funzjoni tal-ħruġ tal-istatwa ta’ San Filep min-niċċa. Beda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u għadda għal Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Is-St Philip Fireworks Factory ħarqet diversi murtali tal-beraq oħrajn tal-kulur u kaxxa nfernali.
  • It-Tnejn 4 ta’ Ġunju, l-Għaqda Każin Banda San Filep organizzat riċeviment annwali għall-mistednin speċjali u benefatturi.
  • It-Tlieta 5 ta’ Ġunju, l-Banda Santa Marija tal-Qrendi, mistiedna mil-Banda San Filep, għamlet marċ brijuż ma diversi toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-qofol intlaħaq f’misraħ San Filep, fejn numru kbir ta’ partitarji żgħażagħ ingħaqdu mal-marċ u ħolqu atmosfera ta’ briju.
  • Il-Ħamis 7 ta’ Ġunju, il-marċ tradizzjonali tat-tieni tridu mill-Banda San Filep ngħata forma ġdida li jidher li ntlaqgħet tajjeb.Wara li bħas-soltu bdiet minn fuq iz-zuntier, il-banda mxiet ma parti minn Triq Sciortino, Lura fil-pjazza, l-banda telgħet fuq il-planċier fejn taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Richard Bugeja esegwit kunċert b’selezzjoni ta’ mużika moderna li niżlet sew ma dawk preżenti. Matul dan il-programm is-sezzjoni żgħażagħ żanżnet imrewħa ġdida kbira li d-dimensjonijiet tagħha jagħmluha unika għal Malta. Il-marċ imbagħad kompla minn ħdejn il- Coronation Bar sa quddiem il-każin fost briju kbir. Fi tmiem dan il-marċ kien imiss lis-St Philip Fireworks Factory li tat esibizzjoni ta’ nar tal-art f’Misraħ San Filep.

Pic10 Pic11 Pic12 Pic13 Pic14 Pic15 Pic16 Pic17 Pic18 Pic19 Pic20

  • Il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju, bħas-snin l-imgħoddija s-St Philip Fireworks Factory tellgħet spettaklu ta’ nar tal-art mekkanizzat. In-nies ħonqu Misraħ San Filep sabiex jassistu għal dan l-ispettaklu li ftit tara bħalu fil-gżira Maltija.
  • Is-Sibt 9 ta’ Ġunju, lejlet il-festa tal-patrun San Filep, il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja, tellgħet programm vokali u strumentali minn fuq il-planċier tal-istess għaqda. Kien programm sabiħ u varjat b’siltiet bħal La Vita e Bella ta’ Nicola Piovani, Caruso, Robin Hood Prince of Thieves ta’ Michael Kamen, Amigos Para Siempre ta’ Andrew Lloyd Weber u l-overture minn Orpheus in the Underworld ta’ Jacques Offenbach. Matul dan il-programm is-St Philip Fireworks Factory tellgħet ukoll spettaklu kbir ta’ nar tal-ajru li jinħaraq mis-sistema “Fire-one” kif ukoll numru ta’ murtali tal-beraq u tal-kulur maħruq bil-mod tradizzjonali.

Pic21 Pic22 Pic23 Pic24 Pic25 Pic26 Pic27 Pic28

  • Il-Ħadd 10 ta’ Ġunju, il-Banda San Filep tellgħet il-marċ tradizzjonali ta’ jum il-festa li beda min fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali għad-diversi toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-qofol intlaħaq f’Misraħ San Filep, b’numru kbir ta’ żgħażagħ lebsin il-kulur aħdar li d-dommina lill-istess misraħ. Fis-19:00, il-Baned Queen Victoria taż-Żurrieq u Pinto ta’ Ħal-Qormi, mistiedna tal-Banda San Filep, għamlu marċ fil-pjazza u xi toroq ta’ madwar u wara l-istess baned għamlu programmi mużikali waħda fuq palk quddiem iz-zuntier u l-oħra fuq il-planċier tal-Banda San Filep. Dawn sellmu lill-istatwa ta’ San Filep waqt li din għaddiet proċessjonalment minn quddiemhom. Fid-21:00, il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, mistiedna tal-Banda San Filep, laqgħet il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Filep ħdejn il-Kappella tad-Duluri. Meta l-purċissjoni qasmet Misraħ San Filep u waslet fuq iz-zuntier, din il-banda kienet hemm lesta biex terġa’ tilqaha sakemm tidħol fil-knisja. Is-St. Philip Fireworks Factory tat spettaklu ta’ nar tal-ajru matul il-ħin kollu tal-purċissjoni. Dan beda b’salut, kompla bil-kaxxa tal-ħruġ, murtali u murtaletti. Mal-ħin l-ispettaklu qaleb għall-kulur u għalaq bil-kaxxa tad-dħul. Wara d-dħul tal-purċissjoni waslu fil-knisja il-grupp tan-nar biex jirringrazzjaw u jsellmu lil San Filep bil-fjuri. Wara l-barka il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, għamlet il-marċ ta’ l-aħħar għad-dilettanti tan-nar, li beda minn fuq iz-zuntier u mexa għal Misraħ San Filep u Triq il-Kbira u ntemm f’nofs il-lejl quddiem il-Każin San Filep, fl-għeluq tal-festa.
  • It-Tlieta 12 ta’ Ġunju, fil-każin saret l-ikla ta’ wara l-festa organizzata mis-Sezzjoni Nisa tal-każin.
  • L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju fil-Knisja Arċipretali saret quddiesa ta’ radd il-ħajr għal festa li ġiet mitmuma b’wiċċ il-ġid.
To top