Il-Purċissjoni ta’ San Filep mit-tfal ta’ Ħaż-Żebbuġ

Purċissjoni ta’ San Filep - 2011
Purċissjoni ta’ San Filep – 2011

Wara li għal aktar minn għoxrin sena il-Banda San Filep kienet tieħu sehem bil-bandisti tagħha tal-post f’din il-purċissjoni li kienet tkun organizzata mill-familja ta’ wieħed mill-membri tagħha fi Triq il-Madonna u Misraħ Ħal Dwin, minn erbgħa snin ‘l hawn ħadha f’idejh il-Klabb Tfal ta’ l-Istilla. Ftit wara li twaqqaf, dan il-klabb fi ħdan il-Għaqda Każin Banda San Filep,mexxa din il-purċissjoni għaċ-ċentru tar-raħal u kabbarha billi żied għadd ta’ bandalori żgħar li jinġarru mit-tfal.

Din is-sena fil-purċissjoni li saret nhar il-Erbgħa 1 ta’ Ġunju fis-7:30pm, iżżanżnet statwa ta’ San Filep li nħadmet fil-fiber fuq disinn ta’ Alfred Magri.

Saru wkoll aktar bandalori u minbarra l-banda taż-żgħażagħ dis-sena żdiedet banda żgħira magħmula minn aljievi tal-Iskola tal-Mużika tal-Banda San Filep. Il-bandisti fil-purċissjoni ħa ħsiebhom bħas-soltu Mro Michael Ciantar, l-għalliem tat-taqsima ram.

Il-purċissjoni ħarġet mill-Kappella tad-Duluri u għaddiet minn Triq il-Kbira, Misraħ San Filep u Triq Sciortino qabel ma daħlet fil-Każin San Filep. Fi tmiem il-purċissjoni it-tfal telgħu fis-sala Mayfair tal-każin fejn ingħataw santa ta’ San Filep, bibita, kellhom slide-show fuq San Filep u wara xi logħob. Is-sala kienet imballata bit-tfal u l-ġenituri li ħadu pjaċir jaraw it-tfal tagħhom jieħdu gost u jitgħallmu.

Kitba: Philip Balzan ©

To top