Inawgurazzjoni tal-Proġett tas-sala Mayfair Kif Ukoll Wirja Fuq Ix-Xogħlijiet Artistiċi Ta’ Francesco Saverio Sciortino

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru 2015 saret serata mużikali li matulha ġew inawgurati il-proġett kbir ta’ rinnovament totali tas-Sala Mayfair kif ukoll il-wirja fuq ix-xogħlijiet artistiċi ta’ Francesco Saverio Sciortino.

Il-Banda San Filep daqqet f’din l-ordni: l-Grand March mill-Aida ta’ Giuseppe Verdi, Ammerland ta’ Jacob de Haan, il-fanfarra Alzo Sprach Zarathustra-fanfare ta’ Richard Strauss, Tritsch-Tratsch Polka ta’ Johann Strauss Jr., żewġ siltiet mill-musical ‘Ir-Rebbieħ’ Allelujah-Apoteosi u L-Għid ta’ San Filep kompożizzjonijiet ta’ Chan Vella, b’arranġament ta’ Joe Brown, u żewġ kompożizzjonijiet ta’ Adeodato Gatt, Omaggio alla Banda San Filep u l-Innu tal-Banda San Filep. Iddiriġew il-banda Mro Richard Bugeja u Mro Michael Ciantar. Il-banda tat rendiment tajjeb ta’ dawn is-siltiet u l-akustika kkoreġuta tas-sala ippermettiet li l-mużika titgawda sewwa.

Dun Luret Callus
Diskors tal-okkażjoni: l-Onor Dr Ian Borg

L-udjenza li mliet is-sala sabu jistennihom mhux biss il-programm ta’ dan is-soiree imma wkoll ktejjeb fuq Francesco Saverio u x-xogħlijiet artistici tiegħu. Dan il-ktejjeb ġie mitbugħ mill-Għaqda Każin Banda San Filep għall-okkażjoni tal-wirja li ġiet inawgurata fi tmiem is-serata u li hija miftuħa għall-pubbliku bla ħlas kuljum sal-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2015 mill-5.30pm sat-8.00pm.

Fil-bidu tal-programm is-Segretarju Parlamentari l-Onor Dr Ian Borg u Dr Philip Sciortino kixfu rħama kommemorattiva li tfakkar il-proġett tas-Sala Mayfair li sar bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja waqt li l-banda daqqet Fanfare for a solemn occasion ta’ Richard Bugeja.
Intwerew żewġ features wieħed fuq it-tibdil li għaddiet minn s-Sala Mayfair mill-1955 sal-lum u ieħor fuq Francesco Saverio Sciortino. Saru wkoll diskorsi mill-Onor Dr Ian Borg, s-sur Michael Bonnici, il-Perit Conrad Thake u Dr Philip Sciortino. Tqassmu rigali lil Michael Bonnici, Conrad Thake, lid-designer Claude Perrini, il-Perit Philip Mifsud, Dr Marthese Sciortino u l-Onor Ian Borg. Is-serata intemmet b’diskors tal-għeluq mill-President tal-Għaqda, Dr Philip Sciortino. Il-comperes tas-serata kienu Tanya Agius Borg u Brian Bonnici.

Ftuh tal-wirja u s-sala Mayfair
Ftuh tal-wirja fuq ix-xogħlijiet artistiċi ta’ Francesco Saverio Sciortino

Fi tmiem is-serata, waqt li l-banda daqqet fanfarra oħra, l-Onor Dr Ian Borg, Dr Philip Sciortino u s-sur Michael Bonnici fetħu l-wirja fis-sala tal-linfa. In-nies li ġew għas-serata kellhom il-ħin li jduru l-wirja li fiha erbgħin ritratt ta’ xogħolijiet ta’ FS Sciortino kif ukoll xi abbozzi u statwi tiegħu.

Radd il-ħajr huwa f’waqtu lil dawk li ħadmu volontarjament biex setgħu iseħħu kemm il-proġett kbir tas-sala u kemm is-serata u l-wirja. Fost dawn hemm Dr Philip Sciortino, Tarcisio Mifsud, Agnes Pirotta, Saviour Chetcuti, Philip Balzan u Keith Cutajar li ffurmaw sotto-kumitat li mexxa l-proġett tas-sala. Ħadmu fuq il-wirja Michael Bonnici, Dr Sciortino, Tarcisio Mifsud u Philip Balzan filwaqt li ma dawn taw sehemhom ukoll fit-tħejjijiet għas-serata Keith Cutajar, Christmark Chircop, il-Kumitat IT tal-Għaqda u l-kummissjonijiet Banda u Kultura.

Kitba: Philip Balzan ©

To top