|
• 1994 - Bdiet issir wirja tal-Ġimgħa l-Kbira fil-każin bi statwi kbar (lifesize) maħdumin mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Ġiet inawgurata mill-President tar-Repubblika Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Illum fiha 3 xeni bi 30 statwa kbira: Ċenaklu, Kruċifissjoni u Difna. Fis-sentejn ta’ qabel, il-wirja kienet tikkonsisti f’sett ta’ vari żgħar mislufa mis-Sur Joe Sammut, membru tal-każin.
• 1997 - 7 ta’ Ġunju, ġemellaġġ uffiċjali bejn Ħaż-Żebbuġ u Aġġira. Fit-12 ta’ Mejju kienet saret l-ewwel parti taċ-ċerimonja f’Aġġira. Il-każin ħa sehem attiv fiż-żewġ okkażjonijiet. F’dik ta’ Ħaż-Żebbuġ, iż-żewġ sindki Dr. Godfrey Farrugia u Gaetano Giunta kixfu lapida mal-faċċata tal-każin li tfakkar din il-ġrajja kif ukoll il-pellegrinaġġ tal-1897 lejn Aġġira u lil Antonio Sciortino. Ittellgħet ukoll wirja ta’ pittura u statwi ta’San Filep fil-każin.
• 1998 - Awwissu, inbeda proġett ieħor li kien jinvolvi t-twaqqigħ ta’parti mill-binja l-antika, it-tħaffir ta’ kantina, il-bini ta’ taraġ maestuż u rħam u suffett tal-ġewż. Il-perit tal-proġett kien Mario Balzan waqt li Innoċens Centorrino kien responsabbli għad-disinn tal-lavur.
• 2001 - Imfakkra l-150 sena tal-Banda. Stampat il-ktieb Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep, saret bandalora, żewġ programmi mużikali speċjali u bosta attivitajiet oħra. Il-banda ħadet sehem fil-festival internazzjonali Mandorlo in Fiore ta’ Agrigento.
• 2003 - Ġunju 1-8, matul il-ġimgħa tal-festa l-każin waqqaf radju tal-komunità li xandar 24 siegħa kuljum.
• 2003 - Inbeda proġett ġdid: taħt is-sala tal-bar tħaffret kantina li tinfed ma’ dawk li saru qabel taħt il-kumplament tal-każin.
• 2004 -Twaqqaf il-Klabb tat-Tfal magħruf bħala Tfal tal-Istilla.
• 2007 - L-Għaqda tellgħet il-Musical Ir-Rebbieħ fl-Istitut Kattoliku. Dan jittratta l-ħajja ta’ San Filep.
• 2008 - Għamlet simposju dwar Luigi Fontana bil-parteċipazzjoni tal-Istudjuża tal-Arti Marisa Calisti mill-Italja u esperti oħra Maltin. Twaqqaf is-St. Philip Pageant Group. L-ewwel attività kienet Milied Ħaj Malti li sar fix-xelter.
• 2009 - Is-St. Philip Pageant Group tella’ żewġ rappreżentazzjonijiet oriġinali ta’ drammi tal-Passjoni ta’ Kristu fil-pjazza. Intużaw żewġ palkijiet kif ukoll it-triq u l-gallerija tal-każin.
• 2009 - fil-11 ta’ Novembru, kunċert kbir mill-Banda San Filep fl-awditorju tal-Kulleġġ St. Dorothy’s bl-iskop li jinġabru fondi għall-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-knisja parrokkjali.
• 2010 - Imfakkar Joe A. Grima li fis-snin sittin kien waqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju Malti.
• 2011 - Imfakkar Dun Karm Psaila f’lejla mużiko-letterarja fil-każin, bil-sehem ta’ kelliema esperti bħall-Prof. Oliver Friggieri, Prof. Peter Serracino Inglott u Frans Sammut.
1. Il-President attwali huwa Dr. Godfrey Farrugia M.D. u Direttur Mużikali huwa Mro. Richard Bugeja F.L.C.M, FVCM. Mro. Michael Ciantar jgħallem ukoll il-mużika. L-Għaqda titmexxa minn Kumitat Ċentrali bl-għajnuna tas-Sezzjoni Nisa u dik taż-Żgħażagħ kif ukoll minn għadd ta’ kummissjonijiet.
• Illum l-Għaqda Każin Banda San Filep hija l-akbar soċjetà volontarja f’Ħaż-Żebbuġ. Ħidmietha tinkludi:
o Il-Banda San Filep li tagħmel madwar 20 servizz mużikali kull sena;
1.1 tagħmel għadd ta’ kunċerti fil-pubbliku kull sena,
1.2 tirrekordja mużika oriġinali fuq CD’s / cassettes,
1.3 tmexxi l-Iskola tal-Mużika tal-Għaqda li tagħti tagħlim bla ħlas lil studenti żgħar u kbar u anke tislef b’xejn l-istrumenti mużikali li jinżammu sakemm ikun hemm bżonn;
o Wirja kbira annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, li bħalissa sar fiha sitt taqsimiet, tlieta minnhom bi statwi kbar maħdumin minn Alfred Camilleri Cauchi;
o Sehem attiv ħafna fil-festa ta’ San Filep ġo Ħaż-Żebbuġ li jinkludi ħafna xogħol volontarju mill-membri tagħha fl-oqsma tan-nar tal-art u tal-ajru, tal-armar u t-tiżjin tat-toroq, marċi u programmi mużikali fil-beraħ u radju tal-komunità bejn it-12 ta’ Mejju u l-festa f’Ġunju.
o Tmexxija ta’ fabbrika tal-manifattura tan-nar tal-art u tal-ajru għall-festa ta’ San Filep attrezzata tajjeb,
o Membri tagħha jaħdmu xogħol ġdid ta’ armar u jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-armar eżistenti. Dawn jieħu ħsieb ukoll jarmaw l-armar fit-toroq, iżarmawh u jaħżnuh.
o Tmexxija ta’ każin soċjali li jiftaħ għal 15-il siegħa kuljum, u li joffri żvog lil nies ta’ kull età.
o Tieħu ħsieb issebbaħ il-bini imponenti tal-għaqda kif xieraq u skont ix-xewqa tal-membri.
o Pubblikazzjonijiet ta’ kotba, kalendarju u fuljetti,
o Produzzjonijiet awdjoviżivi (bosta CD’s, 6 DVD’s u l-film għaċ-ċinema XRAR)
o Produzzjonijiet għall-palk,
o Wirjiet tal-arti u oħrajn għal okkażjonijiet speċjali
o Bosta attivitajiet soċjali u kulturali li minnhom jinġabru fondi għall-ħidmiet imsemmija.
o L-Għaqda tmexxi każin soċjali li jiftaħ kuljum, filgħodu u filgħaxija.
o Ta’ kull sena tippubblika żewġ kotba, kalendarju u tliet fuljetti;
o Torganizza bosta attivitajiet soċjali u ta’ divertiment bl-iskop li jħallu qligħ għall-attivitajiet kulturali u mużikali li torganizza,
o Tieħu sehem attiv fil-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
2. Il-Għaqda titmexxa minn Kumitat Ċentrali bl-għajnuna tas-Sezzjoni Nisa u dik taż-Żgħażagħ kif ukoll minn għadd ta’ kummissjonijiet fosthom tal-Banda, tal-Kultura, tal-Festa, tan-Nar. Għandha aktar minn elf membru.
3. Mill-1851 ’l hawn il-Banda San Filep ħadmet bla waqfien u dejjem kellha rwol importanti fil-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Tikkollabora ma’ entitajiet nazzjonali bħal Heritage Malta u l-Malta Community Chest Fund.
4. Il-ħidma kollha ssir minn volontarji u bla ħlas ħlief għad-direzzjoni tal-banda u t-tagħlim tal-mużika li jsir minn professjonisti li jitħallsu mill-każin ta’ xogħolhom.
5. Fil-każin wieħed isib affarijiet ta’ interess partikulari bħal:
o arkivju b’ġabra kbira ta’ mużika, f’xi każi manuskritti oriġinali u antiki,
o ġabra ta’ strumenti mużikali antiki,
o kollezzjoni ta’ eluf ta’ kotba tal-festi ta’ Malta u Għawdex;
o kopji tal-pubblikazzjonijiet tal-istess każin, li tinkludi l-istorja dokumentata tal-istess banda, Atti tas-Simposju fuq Luigi Fontana, l-Atti tal-Lejla Mużiko-Letterarja f’Ġieħ Dun Karm Psaila, l-istatut tal-Għaqda, DVD’s bl-attivitajiet tal-Milied, tal-Ġimgħa Mqaddsa, tal-Festa ta’ San Filep, tal-musical Ir-Rebbieħ, tal-Lejla Mużiko-Letterarja f’Ġieħ Dun Karm Psaila, taż-żjara f’erbat ibliet Sqallin fejn hemm devozzjoni qawwija lejn San Filep; u bosta CD’s b’mużika brijuża u oħra funebri rrekordjata mill-Banda San Filep matul is-snin
o monumenti ta’ Mro. Filippo Galea u Mro. Adeodato Gatt, Dun Karm Psaila, Mikiel Anton Vassalli,
o bandalori kommemorattivi, bandieri u standardi
o irħamiet kommemorattivi,
o ritratti antiki u storiċi,
o affarijiet personali ta’ xi personalitajiet bħal Mro. Filippo Galea, Mro. Philip Gatt u oħrajn
o għamara antika.
|