|
Dr. Nikola Zammit li kien tabib, skultur, pittur, perit u kittieb kiteb hekk fir-rivista L’Arte tat-22 t’Awwissu 1863:
“L-istatwa tal-fidda…hi xogħol perfett li jħallik imsaħħar wara s-sbuħija li taf issawwar l-arti, u ma tħallikx tagħti
kas tal-ispejjeż li saru. […] għandha dehra maestuża, qawwa ta’ għemil, bixra li timpressjona. Kollox juri l-istorja
tal-qaddis, fi kliem ieħor poeżija minn kull fejn tħares.”Dun Salv Ciappara qal hekk qwar l-istatwa: “X’naturalezza
fil-panneġġi (ħwejjeġ)! F’kulma fiha hija tal-għaġeb u l-wiċċ huwa divin!”L-Istudjuż u Kritiku tal-Arti Antonio Espinosa
Rodriguez kiteb hekk dwar din l-istatwa: “[...] tistħoqilha attenzjoni minħabba l-kwalitajiet artistiċi li għandha
u l-fatt li hija unika fil-ġeneru tagħha f’Malta. […] Għalkemm vigoruża, mimlija ħajja u movimenti, din il-figura
virili hija mneżżgħa minn dawk l-eċċessi teatrali u psewdo-barokki, karatteristiċi ta’ bosta vari Maltin.”
Achille Ferris fil-ktieb tiegħu fuq il-knejjes ta’ Malta jgħid li “L-istatwa ta’ San Filep hi kolossali…tisboq kull tifħir.”
L-ispiża sħiħa biex saret din l-istatwa u nġabet sal-parroċċa telgħet għal £917,16s5d (disa’ mija u sbatax-il
lira, sittax-il xelin u ħames soldi). Biex nifhmu aħjar kemm kienet kbira din l-ispiża, dak iż-żmien labourer mal-Gvern
kellu paga ta’ £20 fis-sena (skond il-blue book li kien fih il-lista tal-impjegati tal-Gvern u l-pagi tagħhom).
Jiġifieri l-istatwa swiet kważi daqs il-pagi ta’ sena ta’ sitta u erbgħin ħaddiem. Illum l-istess ħaddiem għandu
mal- €10,000 fis-sena. Mela bl-istess kejl l-ispiża tal-istatwa kienet madwar €460,000 tal-lum. Dan bla ma nikkunsidraw
il-valur artistiku tagħha. Kif kien possibbli tinġabar somma hekk kbira? Dik il-ħabta f’Ħaż-Żebbuġ kienet tinħass ċerta
ħeġġa lejn il-festa tal-patrun.
|