|
Lill-omm ma kienx ta’ min itarrfilha hekk fis, kien wieħed jaħseb li mhijiex sejra tgħid iva.Il-missier meta ra l-ħrara li kellu t-tifel, u ħass li hekk kien
irid minnu Alla, sejjaħ lil Filippu, qallu jħejji ħwejġu għas-safar u bagħtu Ruma bil-moħbi tal-omm. Xejn ma nafu x’sar
mill-omm meta semgħet li binha kien tbiegħed minnha. Nifhmu li billi kienet mara qaddisa ntrabtet mar-rieda t’Alla u stabret.
Filippu siefer ma’ Ewsebju, wieħed raħeb, li baqa’ sal-mewt imsieħeb miegħu. Dan kien aktarx dak Ewsebju li kiteb
il-ħajja tiegħu. F’dak iż-żmien bosta nies kienu jħallu d-dinja u jsiru rħieb, jiġifieri jgħixu ħajja fis-sawm, fit-talb
lil Alla, imbegħdin min-nies, fl-għerien u x-xagħri tal-Lvant, marbutin dejjem mal-Knisja ta’ Ruma. Is-safra ta’ Filippu
u Ewsebju kienet twila. Wara li kienu ilhom bosta jbaħħru qam baħar qawwi u raw l-għarqa fuqhom. Inħallikom taħsbu f’Filippu,
’il bogħod l-ewwel darba minn ommu u minn missieru li kienu jgħożżuh, li kienu qalgħuh bit-talb fi xjuħitom, li kienu tilfu
qablu tlett itfal imgħarrqin fis-Sagari. Filippu fetaħ qalbu m’Alla u talbu bil-ħrara u Alla sema’ t-talb tiegħu. Lin-nawċier
li kien rieqed deherlu San Pietru u qallu “Isa fittex ħudli f’Ruma lil Filippu għax ħwejjeġ kbar irid Alla minnu.” Qam min-ngħas,
sab li l-baħar kien raqad u kulħadd ta’ ħajr lil Alla li bit-talb ta’ Filippu kien ħelishom mill-għarqa.
Wara tlett ijiem li waslu Ruma waqa’ l-Ħadd. Marru fejn kellu jqaddes il-Papa. Dan malli ra lil Filippu, jew għax kellu dawl
minn Alla, jew għax mill-ilbies tiegħu għaraf x’inhu, sejjaħlu għal fejnu biex joqgħod mal-qassisin l-oħra. Filippu li ma kienx
jinqala’ wisq fil-Latin, ma riedx imur, imma l-Papa, li kien qaddis, mogħni mill-qawwa t’Alla ġagħlu jagħmel kif qallu u fis-siegħa
u l-ħin għallmu jitħaddet tajjeb bil-Latin.
L-Istorja ma tgħidilniex min kien dan il-Papa imma jekk Filippu twieled fl-407 jew għal dik il-ħabta, sar djaknu mal-wieħed
u għoxrin u mar Ruma malajr, nistgħu ngħidu li sab lill-Papa l-Imqaddes Celestino I. Dan kien żamm Konċilju f’Ruma kontra Nestorju
li kien jgħid li Marija mhix omm Alla, keċċa mill-Italja bosta eretiċi, bagħat fl-Ingilterra lil San Germano d’Auxerre, fl-Iskozja
lil San Palladio u fl-Irlanda lil San Patrizju biex jiġbdu lil dawn in-nies għall-fidi Kattolika. Kien San Celestino wkoll li żied
fil-quddiesa l-introjtu, u l-kant tal-gradwal, u kif jgħidu xi wħud il-kant ukoll tal-offertorju.
|