din it-truppa żaret iċ-Ċina, l-Italja, Malta u l-Amerika. L-ispeċjalità li sabu f’Malta kienet il-mekkanizzazzjoni fin-nar tal-art. Dehru sodisfatti ħafna b’dak li raw u ġibdu. Huma ġew wara kuntatti li kienu għamlu ma Dr Godfrey Farrugia.
● Is-Sibt 11 ta’ Ġunju, lejlet il-festa, filgħodu sar ħruq ta’ nar ta’ l-ajru waqt it-Te Deum, wara nofs inhar waqt it-translazzjoni u bil-lejl spettaklu kbir ta’ nar tal-kulur matul il-programm tal-banda.
Filgħodu, l-urna ta’ San Filep ittieħdet mill-Kappella tal-Grazzja għal dik tal-Madonna tal-Anġli minfejn wara nofs inhar ittieħdet proċessjonalment għall-Knisja Parrokkjali waqt it-translazzjoni solenni.
Kmieni wara nofs inhar, Ruth Castillo, ġurnalista ma l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni TVM intervistat lil Dr Godfrey Farrugia dwar l-ispettaklu tan-nar tal-ajru li s-St. Philip fireworks factory kellha ppreparat għal filgħaxija u li kien se jinħaraq bis-sistema kompjuterizzata Fire-One. L-intervista saret fl-għalqa tal-ħruq fejn kien diġa ppreparat in-nar u xxandret it-Tnejn 13 ta’ Ġunju 2011.
Il-Banda San Filep għamlet marċ qasir minn ħdejn il-Bieb De Rohan, għal Triq il-Kbira sa Misraħ San Filep. Wara il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja, FLCM, FVCM(Hons.) għamlet programm vokali u strumentali, f’Misraħ San Filep,. Ħadu sehem il-vjolinista Dr. Joseph Chetcuti, is-Sopran Joan Mangion, it-Tenur Joseph Aquilina, il-Baritonu Ivan Vella, u l-Kor Mirabitur immexxi minn Simone Attard. Ippreżentaw Graziella Attard u Peter Paul Ciantar.
● Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju, bejn id-9:15 u s-13:15 sar il-marċ ta’ filgħodu mill-Banda San Filep li beda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali għal Misraħ San Filep u għadda minn dawn it-toroq: Sciortino, il-Parroċċa, San Ġużepp, Ħali, Pawlu Debono, Prinċep Bażiliku, Ħal Dwin, Pelaġju Mifsud, Karlu Gimach, il-Mitħna, Fra Ferd Mattei, Franġisku Żahra, Madonna Tal-Grazzja, il-Kbira u ntemm f’Misraħ San Filep fejn il-banda telgħet fuq il-planċier biex tgawdiet aħjar mill-partitarji li mlew Triq Sciortino, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep.
Fis-18:00 beda marċ mill-Banda Pinto, San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, mistiedna tal-Banda San Filep. Għadda minn dawn it-toroq: Ġanni Bonnici, Ħal Mula, Dun Salv Trevisan, Ludoviko Mifsud Tommasi, is-Sindku Vella, Mamo, Sant’Antnin u Misraħ San Filep fejn din il-banda għamlet programm fuq il-palk quddiem iz-zuntier, waqt il-ħruġ tal-purċissjoni.
Fis-19:00, il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, mistiedna tal-Banda San Filep, għamlet marċ minn Triq il-Kbira (quddiem il-Coronation Bar) għal Triq Sciortino (sal Golden Lion Bar) u lura lejn Misraħ San Filep. Wara għamel programm mużikali fuq il-planċier tal-Banda San Filep, li matulu sellmet lill-istatwa u lill-Urna ta’ San Filep waqt li dawn għaddew proċessjonalment minn quddiem il-każin ġo Misraħ San Filep.
Fid-21:00, il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, mistiedna tal-Banda San Filep, laqgħet il-purċissjoni bl-istatwa u bl-Urna ta’ San Filep ħdejn il-Kappella tad-Duluri. Meta l-purċissjoni qasmet Misraħ San Filep u waslet fuq iz-zuntier, din il-banda kien hemm lesta biex terġa’ tilqaha sakemm tidħol fil-knisja.
Is-St. Philip Fireworks Factory tat spettaklu ta’ nar tal-ajru matul il-ħin tal-purċissjoni. Dan beda b’salut, kompla bil-kaxxa tal-ħruġ, murtali u murtaletti. X’ħin dalam l-ispettaklu qaleb għall-kulur u għalaq bil-kaxxa tad-dħul.
Wara d-dħul tal-purċissjoni waslu fil-knisja il-grupp tan-nar biex jirringrazzjaw u jsellmu lil San Filep bil-fjuri. Wara l-barka il-Banda San Bartilmew tal-Għargħur, għamlet il-marċ tad-dilettanti tan-nar, li beda minn fuq iz-zuntier u mexa għal Misraħ San Filep u Triq il-Kbira u ntemm f’nofs il-lejl quddiem il-Każin San Filep, fl-għeluq tal-festa.
● It-Tlieta 14 ta’ Ġunju, fil-każin saret l-ikla ta’ wara l-festa organizzata mis-Sezzjoni Nisa tal-każin.
● 24 ta’ Ġunju fil-Knisja Arċiretali saret quddiesa ta’ radd il-ħajr għal festa mitmuma b’wiċċ il-ġid.
|