|
Fl-1899, ħa l-banda f’idejh is-Surmast Alessandro Agius mir-Rabat, li kien magħruf bħala “Il-Profan,” naħsbu aħna, minħabba li kien
iben is-Surmast Epifanio Agius, Direttur tal-Banda Konti Ruġġieru. Fl-1903, is-Surmast Spiridione Zammit mexxa l-banda għal żmien qasir
u ma tantx kien popolari mal-bandisti u x-xjuħ jiftakruh bħala s-surmast li kellu għajn tal-ħġieġ. Fl-istess sena reġa’ ħa f’idejh il-banda
għal ftit taż-żmien is-Surmast Salvatore Mallia.
Fl-1904 beda jidderiġi s-Surmast Angelo Melilli. Taħt dan is-surmast il-banda rat tibdil għall-aħjar kemm fin-numru tal-bandisti u
kemm fit-tjubija tal-mużika. Angelo Melilli għadu u jibqa’ mfakkar bħala s-surmast ferm kapaċi li taħtu l-banda għaddiet żmien mill-aktar
brillanti. Tant kien namruż lejn il-banda li ħalla d-dar tiegħu ġo Bormla u ġie joqgħod fir-raħal, f’dar li kien ipprovdielu l-Każin Banda
San Filep stess. Kompożitur prolifiku li ħallielna ħafna xogħol mużikali, fosthom insemmu l-famużi marċi funebri li niftaħru bihom, l-Inno a
S. Filippo (miktub fi Frar tal- 1906) u Omaggio a S. Filippo, bil-vuċijiet (miktub f’April tal-1911, b’lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi
Dun Karm Psaila), li se jkollna x-xorti nisimgħu llejla, u aktar milli bil-kliem inkunu nistgħu napprezzaw il-ħila u l-kobor tal-awtur.
Angelo Melilli ħabbat sal-1911 u miet sentejn wara f’Tuneż.
|

Angelo Melilli 1904 - 1911.
|
Is-Surmast Alfred P. Hare, mill-Belt, li ħa l-banda f’idejh warajh u li ħafna għadhom jiftakruh mal-banda, kien raġel wieqaf u ta’
karattru li juri d-dixxendenza Ingliża tiegħu u l-arja tiegħu ta’ Bandmaster militari. Kien ukoll direttur tal-baned King’s Own u
Vilhena fl-istess żmien. Fi żmienu l-banda kellha wkoll lis-Surmast Carmelo Camilleri mir-Rabat, li kkunċerta u ħabbat programm
li l-banda għamlet nhar San Ġużepp tar-Rabat. Fl-1918, minħabba raġunijiet ta’ saħħa ta’ Alfred Hare, ikkunċerta u ħabbat ukoll
is-Surmast Michele Gatt, ħu s-Surmast tal-lum. Meta Hare rtira fl-1919, kompla floku s-Surmast Orlando Crescimanno, li ħallielna
Inno a S. Filippo, li wkoll għandu lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi Dun Karm Psaila, President Onorarju tal-Każin Banda San
Filep. Fl-1920 u l-1921, il-banda reġgħet għaddiet f’idejn is-Surmast l-antik Salvatore Mallia. Fl-istess sena beda jħabbat
is-Surmast tal-lum Adeodato Gatt, bħala Assistent Surmast Direttur, u s-sena ta’ wara ħa l-banda f’idejh. M’hemmx għalfejn ngħidilkom
min hu u xi jsarraf Adeodato Gatt, awtur ta’ bosta xogħlijiet mużikali varjati, fosthom marċi mill-aktar brijużi u popolari li ta lill-banda
fiż-żmien ta’ erbgħin sena li ilu surmast tagħha, żmien twil biżżejjed biex jista’ jiftaħar, u aħna nawgurawlu li jkompli għall-ġejjieni.
Maestro Gatt jinsab assistit minn ibnu, is-Surmast Philip Gatt, Bandmaster tar-Royal Air Force.
|