-
Dħul
-
Arkivju
-
Akkadmja Mużiko-Letterarja F’ġieħ Dun Karm Psaila
Akkadmja Mużiko-Letterarja F’ġieħ Dun Karm Psaila
Poeta Nazzjonali u President Onorarju
Tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851.
Il-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 li din is-sena qed tiċċelebra il-160
sena mit-twaqqif tagħha, fakkret il-50 sena mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali li
kien ukoll President Onorarju tagħha, b’akkademja mużiko-letterarja, nhar is-Sibt
19 ta’ Frar 2011, fis-sala Mayfair tal-istess każin, Ħaż-Żebbuġ.
Il-kelliema kienu il-Profs Oliver Friggieri, il-Profs Peter Serracino Inglott,
Frans Sammut u Dr Godfrey Farrugia. Dawn tkellmu rispetivament dwar: L-Innu Malti,
Dun Karm – Poeta Ċajtier, Sehem Dun Karm fil-Qawmien Nazzjonali Malti, u Ir-Rabta
ta’ Dun Karm mal-Għaqda Każin Banda San Filep. Ippresieda l-Imħallef Emeritus Dr
Philip Sciberras li huwa poeta Żebbuġi.
Grupp ta’ bandisti żgħażagħ mill-Banda San Filep daqq innijiet kompożizzjonijiet
ta' Ġużeppi Caruana b’lirika ta’ Dun Karm u tkantaw minn Joan Mangion, Ivan Vella
u Albertine Abela.
Qabel ma bdiet l-akkademja, tpoġġiet quruna f’riġel il-monument ta’ Dun Karm li
hawn f’Ħaż-Żebbuġ u nkixfet irħama mal-faċċata tal-Każin San Filep li tfakkar lil
Dun Karm Psaila. Grupp ta’ bandisti oħra, ukoll mill-Banda San Filep daqq fanfarra
waqt dawn iċ-ċerimonji qosra.
L-udjenza numeruża kienet magħmula l-aktar minn nies midħla tal-letteratura u
tal-kultura Maltija u ġew minn Malta kollha. Dawn sabu wkoll pubblikazzjoni bl-atti
tal-akkademja u studji oħra ta’ Oliver Friġġieri u Frans Sammut marbutin ma’ Dun Karm.
Il-pubbliku ma ħallas xejn biex gawda din l-attività li kienet oħra minn sensiela twila
imtellgħin mill-Għaqda Każin Banda San Filep li hija għaqda volontarja li taħdem favur il-kultura.
Preżentazzjoni viżiva fuq Dun Karm Psaila.
Kitba ta' Philip Balzan ©