Fl-1851 twaqqfet il-Banda di San Filippo u ftit wara kienet organizzata s-soċjetà tagħha biex taħdem ħalli ġġib ‘il quddiem kemm din il-banda kif ukoll il-festa tal-Qaddis Patrun San Filep. Ma din il-festa kiber ukoll ix-xogħol tan-nar.

L-ewwel logħob tan-nar f’Ħaż-Żebbuġ imur lura almenu sal-1691. Imma f’nofs is-sekli dsatax il- manifattura tal-logħob tan-nar għamel passi kbar ‘il quddiem bi żjieda fin-numru ta’ nies tas-sengħa Żebbuġin li baqgħu magħrufa għal ħilithom f’dan il-mistier. Dak iż-żmien ma kienx hemm regolamenti u n-nar kien jinħadem fi kmamar żgħar imferrxa qalb ir-raba.

Il-Grupp tan-nar tal-1925

Il-Grupp tan-nar tal-1925

L-Għaqda Każin Banda San Filep ilha ħafna tinkoraġġixxi l-logħob tan-nar għall-festa. L-eqdem dokument imur lura għat-2 ta’ Novembru 1914. Bil-għajnuna tal-parroċċa infetħet l-ewwel fabbrika tan-nar fl-1912 fl-inħawi tal-Kandlora taħt l-isem tas-St. Philip Fireworks Factory li kellha wkoll il-permessi kollha tal-pulizija skont ir-regolamenti ta’ dak iż-żmien.

Għall-għarrieda nhar is-7 t’April 1955, li kien Ħamis ix-Xirka, din il-fabbrika splodiet. F’din it-traġedja mietu erba’ membri: John Mary Farrugia, Anthony Debono, Philip Cassar u Philip Xuereb. Minħabba f’hekk dik is-sena l-festa ta’ San Filep tħassret. Il-kamra tan-nar reġgħet inbniet u x-xogħol tan-nar mhux biss kompla imma żdied kemm fil- kwalità u kemm fil- kwantità peress li żdied in-numru ta’ artiġġjani tan-nar.

L-użu ta’ din il-kamra kellu jieqaf fl-1982 meta l-pulizija waqqfu l-permess minħabba li l-bini ta’ djar residenzjali li kien qorob lejha. Għalhekk fabbrika oħra ma dametx ma nbniet fl-inħawi magħrufa bħala tal-Qriedi u b’hekk il-manifattura tan-nar tkompliet mingħajr waqfien.

L-Aħħar tisliema lill-Erbgħa vitmi li ħallew ħajjithom fl-inċident tal-1955

L-Aħħar tisliema lill-Erbgħa vitmi li ħallew ħajjithom fl-inċident tal-1955

Nhar is-26 ta’ Mejju 1990 fil-ħemda tal-lejl din il-fabbrika reġgħet splodiet, ftit ġimgħat biss qabel il-festa! Ir-Raħal theżżeż b’din l-isplużjoni misterjuża u xejn mistennija li qerdet il-binja kollha u li għalhekk kellha terġa tinbena mill-ġdid. Ħadd ma weġgħa għax dak il-ħin ma kien hemm ħadd ġol-fabbrika. Żewġ xhieda kienu raw persuna twaddab materjal jaqbad minn fuq iċ-ċint tal-fabbrika ftit qabel ma nstemgħet l-ewwel splużjoni żgħira li wara kkaġunat l-isplużjonijiet ikbar. Inċident ieħor seħħ fil-25 t’Awwissu 1992 u fih tilef ħajtu Gejtu Grima.

Gejtu Grima li ħallha ħajtu fl-inċident tal-1992

Gejtu Grima li ħallha ħajtu fl-inċident tal-1992

Fl-1997 l-amministrazzjoni tas-St. Philip Fireworks Factory ġiet ri-organizzata kompletament u saru regulanenti nterni ġodda. B’riżultat ta’ dan ix-xogħol f’din il- fabbrika beda jinħadem biss għall-festa ta’ San Filep u kollu fuq bażi volontarja. Fl-2002 il-kumpless ġie mkabbar u żdiedu l-miżuri tal-ħarsien tas-saħħa u sigurtà għal dawk li jaħdmu hemm. Statut ġdid tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 li kien approvat fit-3 ta’ Diċembru 2006, irrikonoxxa uffiċjalment il-parteċipazzjoni tas-St. Philip Fireworks Factory bħala parti ntegrali minn din is-Soċjetà.

Illum in-numru ta’ dawk liċenzjati li jaħdmu f’din il-fabbrika jaqbeż il-ħamsin u l-wirjiet spettakulari tan-nar tal-art u ta’ l-ajru li joffru kull sena fil-festa ta’ San Filep saru fost l-aqwa fil-kalendarju tal-festi Maltin.

Nar maħdum mis-St. Philip Fireworks Factory fl-2002

Nar maħdum mis-St. Philip Fireworks Factory fl-2002

Kitba ta’ Dr Godfrey Farrugia ©