san-filippo-neri

San Filep

Kien jonqos fostna ktieb illi jgħarraf aħjar il-ħajja u l-għemil tal-kbir qaddis San Filep, mill-biċċa l-kbira ftit li xejn magħrufa. Għalhekk jidhrilna illi ħasibha tajjeb wisq is-Sur Can. Dr. D. Paul Pullicino li bil-għerf u l-ħila tiegħu magħrufin minn kulħadd biżżejjed, ried jagħtina bit-Taljan miġbuda wisq tajjeb il-ħajja ta’ dan il-qaddis. Aħna mbagħad għal min ma jafx bit-Taljan inġibu fil-qasir xi ħaġa minn fuqha mill-aħjar li nistgħu.

L-isem ta’ dan il-qaddis hu magħruf wisq tajjeb fi Sqallija u l-aktar f’Aġġira, belt minn ta’ dik il-gżira fejn jinsab ġismu. Malta wkoll ġie magħruf bosta kmieni u Ħaż-Żebbuġ tagħna lilu jinsab imħejji sa minn bosta mijiet ta’ snin ilu. Jekk mhix imxerrda iżjed il-qima ta’ dan il-qaddis nifhmu ili hu minħabba filli hu għex fi żminijiet bosta bogħod minna. Fl-ewwel żmien tal-Knisja t-tifkiriet tal-Appostli, tal-Papiet, tal-Għorrief tal-Knisja u tal-Martri biss, kienu l-aktar li jiġu magħrufa ma’ kullimkien. Tal-qaddisin l-oħra kienu jżommuhom biss dawk in-nies li magħhom ikunu għexu. Għalhekk mill-ħajja ta’ San Filep ma nistgħux nafu kulma nixtiequ.

Żewġ stejjer għandna ta’ dan il-qaddis, miktubin it-tnejn bil-Grieg. Il-waħda jingħad li kitibha Atanasju, Isqof ta’ Lixandra u l-oħra ta’ Ewsebju. L-ewwel waħda ġġibu li għex fl-ewwel snin tal-Knisja fi żmien San Pietru u l-oħra fil-ħames seklu fi żmien l-Imperaturi wlied Teodosju. Fi żmien San Pietru ma setax jiġri dak kollu illi l-istoriċi jgħidulna li għadda minnu San Filep. Żmien San Pietru kien żmien ta’ qilla kbira għall-Knisja u dak li jingħad mis-safra ta’ San Filep għal Ruma ma juriniex illi l-Knisja kienet hekk imħabbta. Imbagħad meta San Filep mar Sqallija mibgħut mill-Papa, Sqallija kienet ilha Nisranija. Barra minn dan, nies San Filep li kienu Insara u kellhom lil dan it-tifel fi xjuħithom ma setgħux jibagħtuh Ruma mfarfar filwaqt li San Pietru kien għadu ħaj. Għalhekk jeħtieġ ngħidu li San Filep ma għex fi żmien San Pietru.

Mela San Filep twieled fi żmien l-Imperatur Arkadju bin Teodosju u aktarx fl-aħħar sena tiegħu jiġifieri fl-407 u miet fl-470. Dan kien żmien li fih għexu bosta qaddisin u għorrief tal-Knisja. Żmien ukoll l-ereżiji ta’ Pelaġju li kien jgħid li ma neħtiġux il-grazzja t’Alla biex nirbħu l-Ġenna, ta’ Nestorju li kien jgħid li fi Kristu jinsabu żewġ persuni, u ta’ Eutike li kien jiċħad li Kristu huwa wkoll bniedem. F’dan iż-żmien saru ukoll żewġ konċilji ġenerali, ta’ Efesu u ta’ Kalċedonja.

San Filep twieled fi Traċja, minn Teodosju u Awġja, nies tajba u għonja u fix-xjuħija tagħhom, wara bosta talb u wegħdi bħal Samwel u Ġwanni. Teodosju u Awġja qabel kellhom tlett itfal li meta kibru taw ruħhom għall-kummerċ. Kienu għaldaqshekk imorru kull sena f’Kostantinopli u jieħdu magħhom bosta żwiemel li kienu jżommu f’Galazja, il-Kappadoċja u artijiet oħra. Kienu jmorru għall-ħabta ta’ Settembru meta kienet issir it-tifkira tar-rebħa l-kbira li għamlet il-Knisja fuq l-għedewwa tagħha, meta l-Imperatur Kostantinu taha l-paċi. Dak iż-żmien kienu jmorru wisq nies għal din il-festa. Darba huma u għaddejjin dawn it-tlett aħwa mix-xmara Sagari bit-tagħbija tagħhom l-ilma saqhom u għerqu b’kulma kellhom. Inħallikom taħsbu kif baqgħu Teodosju u Awġja meta ħadu l-aħbar. Kienu iżda nies tajba u għalhekk issabbru. Ftakru f’Ġob li kien jittama f’Alla s-sid ta’ kollox li jagħti u jieħu meta u kif jogħġbu. L-omm imma, maż-żmien qabadha swied ta’ qalb kbir. Tama li jkollha t-tfal ma kienx fadlilha; ħasbet għalhekk li tħalli lil żewġha u tinġabar f’dar niesha. Alla iżda ġietu ħniena minnha u aktar ukoll minn Teodosju, li dejjem sieber, kien dejjem ibierek lil Alla u jgħin lill-foqra bil-bosta.

L-Ordinazjoni San Filep

L-Ordinazjoni San Filep

Lil Filippu rabbewh fil-għożża tal-liġi t’Alla. Awġja xtaqet tarah qassis. U Filippu għalkemm kien miġbud; il-ħajja tiegħu imbagħad uriet biżżejjed li din kienet sejħa t’Alla. Tgħallem tajjeb il-Grieg u s-Sirjakk u kif nistgħu naħsbu daħal mal-kleru tar-rit Grieg. L-omm li kienet Rumana ma kienet tixba’ qatt tfaħħarlu ċ-ċerimonji tal-Knisja Rumana, tgħidlu bl-ilbies tal-Papa u ta’ dawk ta’ madwaru, bis-sbuħija tal-għedien ta’ Ruma u dan il-kliem tal-omm, mingħajr ma kienet qatt tobsor, sewa biex Filippu tħajjar li jitbiegħed minn Traċja u jmur Ruma.

Din ix-xewqa kienet kuljum tikber fih imma ma kellux il-ħila juriha lil niesu. Kien jaf illi jweġġgħalhom qalbhom. Sa fl-aħħar qalha lil xi ħbieb u dawn indaħlu biex iwassluha lil missieru.

Lill-omm ma kienx ta’ min itarrfilha hekk fis, kien wieħed jaħseb li mhijiex sejra tgħid iva.Il-missier meta ra l-ħrara li kellu t-tifel, u ħass li hekk kien irid minnu Alla, sejjaħ lil Filippu, qallu jħejji ħwejġu għas-safar u bagħtu Ruma bil-moħbi tal-omm. Xejn ma nafu x’sar mill-omm meta semgħet li binha kien tbiegħed minnha. Nifhmu li billi kienet mara qaddisa ntrabtet mar-rieda t’Alla u stabret. Filippu siefer ma’ Ewsebju, wieħed raħeb, li baqa’ sal-mewt imsieħeb miegħu. Dan kien aktarx dak Ewsebju li kiteb il-ħajja tiegħu. F’dak iż-żmien bosta nies kienu jħallu d-dinja u jsiru rħieb, jiġifieri jgħixu ħajja fis-sawm, fit-talb lil Alla, imbegħdin min-nies, fl-għerien u x-xagħri tal-Lvant, marbutin dejjem mal-Knisja ta’ Ruma. Is-safra ta’ Filippu u Ewsebju kienet twila. Wara li kienu ilhom bosta jbaħħru qam baħar qawwi u raw l-għarqa fuqhom. Inħallikom taħsbu f’Filippu, ’il bogħod l-ewwel darba minn ommu u minn missieru li kienu jgħożżuh, li kienu qalgħuh bit-talb fi xjuħitom, li kienu tilfu qablu tlett itfal imgħarrqin fis-Sagari. Filippu fetaħ qalbu m’Alla u talbu bil-ħrara u Alla sema’ t-talb tiegħu. Lin-nawċier li kien rieqed deherlu San Pietru u qallu “Isa fittex ħudli f’Ruma lil Filippu għax ħwejjeġ kbar irid Alla minnu.” Qam min-ngħas, sab li l-baħar kien raqad u kulħadd ta’ ħajr lil Alla li bit-talb ta’ Filippu kien ħelishom mill-għarqa.

Wara tlett ijiem li waslu Ruma waqa’ l-Ħadd. Marru fejn kellu jqaddes il-Papa. Dan malli ra lil Filippu, jew għax kellu dawl minn Alla, jew għax mill-ilbies tiegħu għaraf x’inhu, sejjaħlu għal fejnu biex joqgħod mal-qassisin l-oħra. Filippu li ma kienx jinqala’ wisq fil-Latin, ma riedx imur, imma l-Papa, li kien qaddis, mogħni mill-qawwa t’Alla ġagħlu jagħmel kif qallu u fis-siegħa u l-ħin għallmu jitħaddet tajjeb bil-Latin.

L-Istorja ma tgħidilniex min kien dan il-Papa imma jekk Filippu twieled fl-407 jew għal dik il-ħabta, sar djaknu mal-wieħed u għoxrin u mar Ruma malajr, nistgħu ngħidu li sab lill-Papa l-Imqaddes Celestino I. Dan kien żamm Konċilju f’Ruma kontra Nestorju li kien jgħid li Marija mhix omm Alla, keċċa mill-Italja bosta eretiċi, bagħat fl-Ingilterra lil San Germano d’Auxerre, fl-Iskozja lil San Palladio u fl-Irlanda lil San Patrizju biex jiġbdu lil dawn in-nies għall-fidi Kattolika. Kien San Celestino wkoll li żied fil-quddiesa l-introjtu, u l-kant tal-gradwal, u kif jgħidu xi wħud il-kant ukoll tal-offertorju.

San Filep

San Filep

Filippu dam tliet xhur ġo Ruma li dak iż-żmien kien fiha x’tara għax kien iż-żmien li Ruma l-qadima, Ruma tal-allat qarrieqa kienet qiegħda taqa’ bċejjeċ, u Ruma l-ġdida, Ruma ta’ San Pietru kienet tielgħa ġmielha fuq ir-radam tal-qadima. Hawn kont tara l-Panteon, l-għamara tal-allat kollha (tal-ħażen) li kien biċċa bini sabiħa, fil-ħemda u s-skiet magħluq u mtappan. Hawn fil-Vatikan fuq il-ġonna ta’ Neruni, fuq qabar San Pietru u San Pawl kont tilmaħ il-Bażilika tal-Insara li kien bena Kostantinu, il-ġmiel tagħha. Fejn dari kienu l-ġonna ta’ Vario u Eliogabalo, Sant’Elena kienet bniet knisja sabiħa għas-Salib ta’ Ġesù Kristu. Fuq l-Esquilino fejn kienet dari d-dar ta’ Plauzio Laterano kont tara mtellgħa l-Bażilika Laterana mibnija wkoll minn Kostantinu. Fil-Foro Romano kien għadu sħiħ il-Colliseo mtebba’ bid-demm tal-martri. Fuq l-għolja ta’ Aventino, ħdejn il-knisja qiegħda taqa’ ta’ Giunone, kont tilmaħ oħra tal-Insara mibnija ġdida lil San Sabina. Ħdejn il-Vatikan kien inbena minn Kostantinu l-Palazz tal-Papa.

Fil-Via Appia l-Bażilika ta’ San Bastjan fuq l-għerien li kienu ħaffru r-Rumani taż-żminijiet l-imgħoddija, li kienu kabbru l-Insara biex jidfnu l-martri u biex jiltaqgħu u jishru lejlet l-għedien tagħhom imsejħin għalhekk “vġejjel” mill-kelma Latina “vigiliae” li tfisser “sahra.”

Fiż-żmien li qegħdin nitħaddtu dwaru, minħabba f’xi wħud li ma kinux iġibu ruħhom kif jixraq bdew jinqatgħu l-ġemgħat ta’ billejl u bdew isiru s-sawmiet lejlet dawn l-għedien, li għalhekk baqgħu msejħin vġejjel. Kif kellu jibqa’ Filippu meta żar Ruma? Nistħajluh nesa lil niesu u lil daru u ma ħassx xewqa oħra ħlief li jagħti ruħu kollha kemm hi għal Alla u għar-reliġjon imqaddsa tiegħu.

Ma nafux jekk kienx Filippu li tħajjar l-ewwel li jmur ixandar il-kelma t’Alla f’artijiet oħra biex jiġbed in-nies għat-triq tas-sema, jew kienx il-Papa Celestino nnifsu li għamel il-ħsieb li jibagħtu. Hu kif inhu, Celestino li kien mixgħul bi ħrara kbira li jxandar ir-reliġjon Nisranija, meta ra l-qdusija ta’ Filippu għamlu qassis u wrieh li tħajjar jibagħtu f’Aġġira, dak iż-żmien belt kbira fi Sqallija li kienet maħkuma wisq mid-demonju. Qallu kemm kien jeħtieġ li jmur hemm xi wieħed mixgħul bil-ħrara tal-liġi t’Alla biex jeħles lil dawk in-nies mill-hemm li fih kienu jinsabu. Iż-żagħżugħ Filippu li kien iżomm ruħu dejjem l-inqas fost kulħadd, ma setax ma jibżax għall-ewwel. Imma l-Papa tah ktieb tal-Evanġelju miktub minnu u għamillu l-qalb. Għanieh bil-grazzja li jitkellem bosta ilsna u qallu li m’għandux jara lil niesu qabel ma jeħles il-belt ta’ Aġġira u jiġbidha għal-liġi t’Alla. Filippu mbagħad bit-tama f’Alla mejjel rasu, ħa miegħu lil Ewsebju u siefer għal Sqallija.

San Filep jiskongra

San Filep jiskongra

F’dak iż-żmien, Aġġira kienet belt mill-akbar u mill-isbaħ ta’ Sqallija. Illum ħadd iżjed ma jsemmiha. Sfat belt żgħira, qisha raħal. L-Isqallin l-ewwel, imbagħad il-Griegi u fl-aħħar ir-Rumani kellhom taħt idejhom din il-belt, u lkoll kienu jfittxu dejjem li jkabbruha iżjed, isebbħuha, iqawwuha u jagħnuha. Imħalltin mal-Isqallin kienu joqogħdu bosta Griegi u Rumani u għalhekk ma kinux lura fil-għerf ta’ Ateni u ta’ Ruma. Fi żmien San Filep nifhmu li Aġġira kienet għadha wisq imsemmija. Nifhmu li sa minn żmien San Pietru ġiet imxandra fiha l-liġi tal-Insara bħal bosta bliet oħra ta’ Sqallija. Jissemmew fost id-dixxipli ta’ San Pietru, Marciano li xandar il-kelma t’Alla f’Sirakuża, Pancrazio f’Taormina, Berillo f’Katanja, Filippo, Libertino u Pellegrino fi bliet oħra. Aġġira ma setgħetx tibqa’ minsija u jingħad li l-appostlu tagħha kien wieħed qaddis jismu Filippu. B’hekk jista’ jkun li xi wħud tħawdu u ħaduh b’San Filep tagħna. Imma San Filep kien mibgħut fost in-nies ta’ Aġġira mhux biex jagħmilhom Insara iżda biex iwettaqhom fil-fidi u jeħlishom mill-moħqrija tad-demonju.

Kif mar l-ewwel darba f’Aġġira jħabbar l-Isem ta’ Kristu, l-infern kollu ħass it-telfa li kien sejjer jagħmel u xewwex kemm felaħ in-nies biex ma jitħajrux jiżolqu minn taħt difrejh. Id-demonji kienu jduru ma’ dawk in-nies, iħajruhom għal kull xorta ta’ ħażen u jwebbsulhom qalbhom biex ma jisimgħux il-kelma t’Alla. Għalxejn għadda żmien bi żmien għax din il-ġlieda ħarxa mhux talli ma raqditx imma talli kienet iżjed tisħon. Fiż-żmien li dwaru qed nitkellmu, ma’ Sqallija kollha kien kulħadd imwaħħax bil-qilla u l-moħqrija li kienu jġarrbu mid-demonji l-belt ta’ Aġġira u l-artijiet ta’ madwarha.

Malli wasal f’Aġġira San Filep qagħad ma’ Ewsebju ġewwa għar li mill-għamla tiegħu għandu jkun kien fiż-żmien xi knisja tal-Insara. Hawn bdew imbagħad jiġu n-nies iżuruh u jitolbuh il-grazzi li kienu jeħtieġu. Wara jumejn tela’ fuq għolja kbira minn ta’ madwar l-Etna u minn hemm beda jitlob lil Alla biex jeħles mid-demonji l-belt ta’ Aġġira, li kienet tidher taħtu. Filwaqt li bil-ktieb tal-Evanġelju kien jagħmel is-salib fuq il-belt, Ewsebju mbeżża’ lemaħ braġ sħaħ ta’ ġebel jaqgħu minn dik l-għolja u jitgerbu għall-widien ta’ taħtha u sema’ min jgħajjat “Imsejknin aħna kif id-driegħ ta’ Filippu se jġagħalna ninxeħtu f’dad-dagħbien.” Il-qawwa tat-talb lil Alla hija kbira bosta biex tkeċċi d-demonji u Filippu li dan kien jafu tajjeb, beda jgħaddi ljieli sħaħ jitlob lil Alla ma’ Ewsebju. Ewsebju kien sikwit jisma’ ħsejjes kbar u għajjat ta’ min jgħid “Naħarbu minn hawn, nitbiegħdu mnejn Filippu.” Ewsebju staqsa lil Filippu x’kien dan u Filippu qallu illi bosta demonji kienu jgħammru ma’ dawk l-inħawi u li huwa biex ikeċċihom kien joqgħod iljieli jitlob lil Alla. U hekk kien għax wara ftit in-nirien li kien joħorġu minn hemm u l-ġebel li kien jaqa’ u l-ħsarat li kienu jsiru ma nstemgħux iżjed u n-nies ta’ Aġġira strieħu.

Jekk irridu ngħidu l-għeġubijiet li għamel Filippu u l-grazzji li hu sawwab mis-sema fuq in-nies ta’ Aġġira, ma neħilsux fis. Insemmu fuq fuq xi ftit. Malli n-nies semgħet b’Filippu bdiet tersaq lejh bil-gzuz. Fost l-oħrajn resqet it-tifla ta’ wieħed raġel tajjeb u għani li kienet maħkuma mid-demonju. U d-demonju tbiegħed minnha hekk kif Filippu għamel idu fuqha. Resqu dlonk ħafna oħrajn u Filippu fl-isem t’Alla ħeles mid-demonju erbgħin minnhom. Għad li d-demonju jista’ l-aktar fuq il-midinbin, xi drabi Alla jħallih ukoll, għal ftit, jaħqar it-tajbin, jew biex iħarriġhom fil-qdusija jew għal li jaf Hu. Kien hemm mara tajba maħqura wisq mid-demonju u din semgħet b’Filippu, marret fejn kien iqaddes u malli messitlu l-libsa straħet u fieqet.

Il-Mewt ta' San Filep

Il-Mewt ta’ San Filep

L-isem ta’ Filippu kien beda jissemma ma’ Sqallija kollha. U mhux dawk biss li jkunu mħabbtin mid-demonju imma bosta morda oħrajn kienu jaqilgħu l-fejqan bit-talb tiegħu. Kien hemm mara li mindu kellha disa’ snin dejjem marida, tinfexx fid-demm. Marret fejn Filippu li kien iqaddes, xorbot mill-ilma fejn ħasel idejh u fieqet malajr. Xappet ukoll ċarruta f’dak l-ilma, ħaditha lil waħda li kienet ilha tliet snin f’qiegħ ta’ sodda ma tistax titħarrek u malli messitha magħha l-marida fieqet. Mara oħra li żewġha kien sejjer iħalliha minħabba l-marda kerha li kellha, fieqet ukoll malli talbet lil Filippu.

Wieħed jismu Leonzio li kellu ġerħa wisq kerha f’siequ u kien wasal fil-faqar għax ma setax jaħdem fieq ukoll bi ftit tajn li ġagħlu jagħmel Filippu. Ieħor li kien sejjer imut b’gidma fieq bl-irmied ta’ ħaxixa li Filippu qallu jaqla’ mir-raba’. Lil mara oħra li kienet sejra tmut bit-tarbija Filippu ġabilha tixrob ftit ilma u għexet hi u t-tarbija. Qajjem ukoll mill-mewt tifel imgħarraq li ommu u missieru ġew jitolbu għalih. Meta kien ifejjaq imbagħad Filippu kien aktarx iħares għas-saħħa tar-ruħ. Wieħed xiħ, Atanasju, raġel xħiħ u ħażin kien migdum minn lifgħa. Xħin mar fejnu biex ifejqu Filippu qallu “Fi ħsiebek tgħix tajjeb jekk tfiq?” Tlieta min-nies kienu ġew minn Lidia fi Sqallija biex jixtru l-qamħ. Il-flus li kienu ħarġu bejniethom ġabarhom wieħed minnhom u qal li ma jafx x’sar minnhom. Resqu jitolbu lil Filippu u huwa qalilhom jagħmlu jdejhom fit-tajn. L-ewwel tnejn ħarġuha nadifa iżda l-ħalliel ħariġha mkasbra. Imbagħad stqarr dnubu, tahom il-flus u nidem. Kulħadd baqa’ mgħaġġeb kif ġarrbu l-qawwa tat-talb ta’ Filippu dawn it-tnax-il ruħ ta’ Girgenti. Kienu gidbu fuqhom li qegħdin ixewxu n-nies biex iqumu għall-ħakem ta’ hemm u kienet inqatgħetilhom għall-mewt. Kellhom jitneħħew Katanja u bagħtuhom għal hemm bil-għases. L-imsejknin talbu lill-għassiesa li jeħduhom qabelxejn biex jaraw lil Filippu u l-għassiesa għaddewhom minn Aġġira. Filippu li għaraf li ma kienu għamlu xejn, talab lil Alla biex jinkixef li ma kellhomx ħtija. U hekk kien. Xħin marru Katanja u l-ħakem ta’ hemm fetaħ l-ittra li tawh l-għassiesa, isib miktub fiha b’għaġeb ta’ kulħadd, illi mhumiex ħatjin u għalhekk bagħathom lejn djarhom. Min kien gideb fuqhom imbagħad, imħabbat mid-demonju qala’ wkoll mingħand Filippu s-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem.

Fost l-għeġubijiet li għamel Filippu mhux ta’ min iħalli dan. Bniedem għani minn Palermo qatt ma kellu tfal u kien wisq mixtieq li jkollu. Xħin sema’ b’Filippu mar jiftaħ qalbu miegħu. Filippu qallu jitlob lil Alla u ma jdumx ma jkun mismugħ. Meta reġa’ għal daru sab il-mara ferħana għax kienet rat xwejjaħ (kien Filippu) li qallha li ma ddumx ma jkollha tifel. U hekk ġara. Kellhom tifel li semmewh Filippu u li maż-żmien sar qassis. Dan it-tifel baqa’ sikwit iżur lil Filippu u qala’ mingħandu, ftit qabel ma miet, libsa, illi ħadha miegħu f’Palermo u fejjaq billi mess magħha bosta morda.

Wara ħajja mgħoddija fil-ħemda għall-ġid tal-erwieħ u fil-qdusija, Filippu ġie biex imut. Erbgħin sena kien ilu jaħdem f’Aġġira. In-nies kienu strieħu mill-moħqrija tad-demonji, kienu twettqu fir-reliġjon ta’ Kristu. Kien xieraq li Filippu jmur jitħallas fis-sema għall-ħidma tiegħu. Meta għaraf li waslet is-siegħa tiegħu, filgħodu wara li qaddes mar fejn kien ġagħal li jsirlu l-qabar, niżel imtedd ġo fih, u miet b’dawn il-kelmiet f’fommu “Dan hu għal dejjem il-mistrieħ tiegħi.” B’dawn il-kelmiet wera li għalih il-mewt ma kinitx ħlief raqda ħelwa, ħlief safra minn din il-ħajja ta’ taħbit u tbatija għal oħra ta’ mistrieħ u ta’ hena għal dejjem. Sbejħa kienet il-mewt ta’ Filippu għax il-ħajja tiegħu kienet kollha tjieba u qdusija. Il-qabar tiegħu dam żmien miftuħ u n-nies minn Sqallija kollha bdew ġejjin jitolbuh il-grazzji. Filippu wara mewtu wkoll baqa’ jsawwab lil kull min jersaq fejnu grazzji kbar mis-sema. Fuq il-qabar tiegħu nbniet knisja fejn saret dar ta’ rħieb u dawn baqgħu jishru fuq il-qabar ta’ Filippu u għal bosta minnhom il-knisja kienet tgħodd mal-qaddisin. Imbagħad in-nies ta’ Aġġira baqgħu u għadhom sal-lum jaqilgħu grazzji kbar bit-talb ta’ Filippu. L-għadam tiegħu baqa’ għal żmien twil fil-qabar. Imbagħad wara xi żmien ġie miġbur u magħluq ġo senduq tal-fidda fl-altar tal-għar ta’ taħt il-knisja. Biċċa sbejħa minn għadma ta’ driegħu tinsab f’Ħaż-Żebbuġ tagħna. Kien qalagħha minn Aġġira u taha liż-Żebbuġin il-Granmastru Manoel de Vilhena f’Novembru tal-1723.

Il-qima li għandhom iż-Żebbuġin lejn San Filep hija kbira. Xhieda ta’ dan hija l-vara tal-fidda kbira u sabiħa li għamlulu fl-1863. Aħna nifirħulhom minn qalbna. San Filep jitlob dejjem għalihom u jaqlgħalhom mingħand Alla l-isbaħ grazzja li jista’ bniedem jixtieq.

 

San_filep_purc

L-istatwa ta’ San Filep waqt il-purċissjoni

 

Kitba: C ©