Is-Sena 2014 hija s-sena li tat lill-poplu Żebbuġi l-opportunita li jara l-istatwa ta’ San Filep, kapolavur fil-fidda bħalma kienu rawha missierijietna għall-ewwel darba meta waslet fostna 151 sena ilu. Dan wara li tlesta xogħol kbir ta’ restawr u konservazzjoni ta’ dan il-monument artistiku meqjus bħala patrimonju nazzjonali mportanti. Wara sitt xhur ta’ stennija l-istatwa reġgħet lura fil-Knisja Arċipretali nhar il-Ġimgħa 25 t’April 2014 fost il-ferħ tal-poplu Żebbuġi. Din is-sena taħbat ukoll il-150 sena minn mindu din l-istatwa tal-patrun San Filep ħarġet għall-ewwel darba fit-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ.

L-aħħar tħejjijiet għall-festa kienu għaddejjin b’rittmu mgħaġġel tul ix-xahar ta’ Mejju. L-armat tat-toroq, kunċerti tal-banda, il-pubblikazzjoni tal-ktieb tal-festa, il-ġbir ta-riklami, l-programm tal-kompjuter għas-sinkronizzar tal-ħarqa tan-nar tal-ajru ta’ lejlet il-festa mal-mużika, l-aħħar rtokki fuq xi rdieden ġodda, fuq xi proġett li jkun se jiżżanżan għal żmien il-festa, it-T-shirts ġodda li tant ikunu mfittxija fil-ġimgħa tal-festa, l-aħħar ftit coffee mornings u ikliet li minnhom jinġabru fondi bżonjużi, u r-radju tal-każin li beda jxandar fit-8 ta’ Mejju 2014.

Il-festa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ nistgħu ngħidu li bdiet nhar it-Tnejn 12 ta’ Mejju (festa liturġika), fejn mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħodu u wkoll ta’ nofs inhar, il-Kamra tan-Nar San Filep ħabbru l-ftuħ tal-festa bil-ħruq ta’ murtali tal-bomba u tal-beraq. Filgħaxija wara ċ-ċerimonja tal-knisja, il-Banda San Filep permezz tal-marċi brijużi li daqqiet madwar it-toroq tax-xaqliba ta’ Ħal-Muxi kompliet tferraħ anke lil dawk li ma setgħux jingħaqdu ġewwa l-pjazza. Dan kien akkumpanjat minn programm ta’ murtali tal-bomba u oħrajn tal-kulur u bil-logħob, xogħol il-Kamra tan-Nar San Filep. Is-servizz tal-banda kompla b’marċ mimli briju quddiem is-sede tal-Każin Banda San Filep, marċ li għalih attendiet folla numeruża ta’ żgħażagħ. Dan intemm għall-ħabta tal-11:30pm.

Il-purċissjoni ta’ San Filep mit-tfal akkumpanjati mill-bandisti żgħar u żgħażagħ tal-Banda San Filep saret fit-28 ta’ Mejju 2014. Nistgħu ngħidu li saret tradizzjoni maħluqa mill-Għaqda Każin Banda San Filep f’nofs is-snin tmenin tas-seklu għoxrin fuq l-inizjattiva tal-mibki John Ciantar. Sa ftit snin ilu din kienet tibda mit-tarf ta’ Triq il-Madonna u tmur lejn Misraħ Ħal Dwin u Triq Kandlora. Ħames snin ilu ġiet trasferita għal Triq il-Kbira minn ħdejn il-Kappella tad-Duluri, Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Hawn żdiedu xi bandalori u saret statwa ġdida. Dis-sena saret tibdila oħra. Bdiet b’quddiesa fil-kappella tal-Anġli ċċelebrata mid-Direttur Spiritwali Fr Philip Cutajar ofm u wara ħarġet il-vara żgħira u mxiet minn Triq Tal-Anġli għal Triq il-Kbira, Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Kien esperiment li rnexxa, mat-tfal reġgħu ġew bosta ġenituri u minbarra l-bandisti reġgħu daqqu wkoll l-aljievi.

Għal żmien il-festa bħas-soltu saru sensiela ta’ attivitajiet soċjali, kollha organizzati minn taqsimiet diversi tal-Għaqda Każin Banda San Filep:

  • Il-Ħadd 18 ta’ Mejju – riċeviment għall-benefatturi tan-nar tal-festa;
  • Il-Ħamis 29 ta’ Mejju – riċeviment għall-membri tal-Għaqda;
  • Is-Sibt 31 ta; Mejju – BBQ kbir fi Triq Sciortino mill-grupp tan-nar, bi spettaklu minn diversi kantanti u mill-komiku Joe Demicoli;
  • Il-Ħadd 1 ta’ Ġunju – riċeviment għall-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ;
  • It-Tnejn 2 ta’ Ġunju – riċeviment għall-benefatturi u mistednin speċjali tal-każin.

Nhar il-Ħadd 1 ta’ Ġunju kmieni filgħodu dilettanti tan-nar żaru l-kamra tan-nar ta’ San Filep biex jaraw in-nar ippreparat biex jinħaraq tul il-ġimgħa tal-festa. Din il-kamra taħdem biss għall-festa ta’ San Filep u hija l-unika f’Ħaż-Żebbuġ li ma taħdimx għan-negozju. Għal ħabta ta’ nofs inhar membri miż-żewġ każini tal-festa ta’ San Filep attendew għall-ħruġ privat tal-istatwa tal-patrun San Filep ġewwa l-Knisja Arċipretali bi tħejjija għaċ-ċerimonja ta’ filgħaxija meta t-tfal imxew f’purċissjoni fil-knisja bl-istatwa u ppreżentaw xemgħat u fjuri lill-arċipriet. Ma tmiem din iċ-ċerimonja l-Banda San Filep daqqet numru ta’ marċi brijużi madwar il-pjazza f’marċ li ħa madwar siegħa u nofs filwaqt li sar ħruq ta’ murtali tal-kulur u kaxxa infernali mill-Kamra tan-Nar ta’ San Filep. Fi tmiem il-marċ, bandisti mill-Banda San Filep ingħaqdu flimkien ma’ Mro Michael Ciantar fil-Bar tal-Każin San Filep fejn daqqew bħala Jazz Band li ferħet lil kull min attenda ġewwa l-bar.

It-Tnejn 2 ta’ Ġunju, saret il-quddiesa għaż-żgħażagħ organizzata mill-parroċċa ġewwa l-Knisja Arċipretali, fejn żgħażagħ miż-żewġ Għaqdiet Bandistiċi Filippini Żebbuġin attendew bi ħġarhom.

It-Tlieta 3 ta’ Ġunju, il-Banda Santa Marija tal-Qrendi, mistiedna tal-Għaqda KBSF għamlet marċ fit-toroq ta’ l-inħawi ta’ l-Infetti u misraħ San Filep. Numru sabiħ ta’ żgħażagħ allegraw lil kull min attenda bil-briju li ħolqu u fi tmiem is-Sezzjoni Żgħażagħ telgħet feature awdjo-viżiv fuq ħidmiet id-diversi sezzjonijiet fi ħdan din l-għaqda. Il-pjazza kienet imżejna bil-Bandalora l-kbira, l-umbrella mekkanizzata u l-imrewħa, kollha xogħol iż-żgħażagħ tal-Għaqda KBSF.

IMG_2376 IMG_2254 IMG_2175 IMG_2126 IMG_2121 IMG_2092

Mill-Erbgħa 4 ta’ Ġunju ‘l quddiem, il-Kamra tan-Nar San Filep ħarqgħet salut żgħir ta’ murtali fit-8.00am, u f’nofs inhar waqt li għal ħabta tas-7.00pm r-radju tal-Każin BSF xandar dirett it-Tridu fuq il-frekwenza tal-każin 106.3FM. Ukoll l-membri tal-Kamra tan-Nar San Filep bdew jarmaw in-nar tal-art fil-pjazza u fi Triq Sciortino li ftit minnu jinħaraq il-Ħamis u l-bqija l-Ġimgħa, l-aħħar jumejn tat-Tridu.

Il-Ħamis 5 ta’ Ġunju, il-Banda San Filep tellgħet programm ta’ mużika moderna u allegra b’arranġament għal banda, minn fuq il-planċier tagħha taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Richard Bugeja*. Fi tmiem dan il-programm, il-banda kompliet permezz tal-marċ tradizzjonali li kien akkumpanjat minn ħafna żgħażagħ jallegaw u jifirħu waqt li dawk aktar anzjani ħadu gost jisimgħu l-banda u jaraw iż-żgħażagħ jifirħu. Iż-żgħażagħ ħadu ħsieb jarmaw il-Bandalora l-kbira, l-umbrella mekkanizzata u l-imrewħa li ħadmu huma stess f’dawn l-aħħar snin. Fi tmiem il-marċ nħaraq parti min-nar tal-art li ntrama mill-artiġġjani tal-Kamra tan-Nar San Filep.

IMG_2534 IMG_2460 IMG_2409

Il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju, il-Kamra tan-Nar San Filep tat spettaklu mpekkabbli ta’ nar tal-art mekkanizzat li paxxa lil kull min rah u kompla jikkonferma l-kapaċitajiet fl-inġinerija u fil-piroteknika ta’ dawk li ħadmuh. Kellhom raġun jiċċelebraw il-grupp tan-nar u l-poplu feraħ magħhom. Malli n-nies ħallew il-pjazza, beda żżarmar tal-irdieden biex isir wisa għal dawk ta’ lejlet il-festa, xogħol li sar matul il-lejl.

Is-Sibt 7 ta’ Ġunju, ħabta tad-9.30am beda l-ewwel sparar fil-ħin tad-Te Deum li jkun qed jitkanta fil-knisja. Fit-8.00 pm il-Banda San Filep bdiet marċ minn ħdejn il-Bieb De Rohan u mexa tul Triq il-Kbira sal-pjazza. Fit-8.45pm delegazzjoni minn Agira żaret il-każin fejn intlaqgħet mill-president Dr Philip Sciortino u uffiċjali oħra tal-Għaqda. Fost dawk mid-delegazzjoni li ndirizzaw lil dawk preżenti kien hemm ir-Rev Giuseppe La Giusa, Arcipriet t’Agira u Sig Luigi Manno President tal-Consiglio Comunale t’Agira.
Fid-9.30pm il-Banda San Filep wettqet programm mużikali mill-aqwa fuq il-planċier, taħt id-direzzjoni ta’ Richard Bugeja**. Il-comperes kienu Graziella Attard u Tanya Agius Borg. Folla sabiħa assistiet u applawdiet bosta drabi. Mistednin speċjali għal dan il-programm kienu s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Alfred Grixti, Signor Luigi Manno, l-Assesore Sig Nicola Valguarnera u l-Arċipriet Daniel Cardona. Lejn tmiem il-programm dawn kif ukoll Dr Philip Sciortino president tal-Għaqda Każin BSF ndirizzaw lil poplu u taw u qalgħu rigali.
Fl-istess ħin, il-Kamra tan-Nar San Filep tat wirja spettakulari ta’ nar tal-ajru sinkronizzat mal-mużika. Folla oħra li riedet tara dan in-nar tiela’ mill-art marret fit-toroq tal-qrib. Din is-sena l-grupp tan-nar ħejjew għadd ta’ siġġijiet fi Triq Giovanni Pulliċino li nkrew lil dawk li marru hemm biex jaraw din il-wirja msemmija Pyro Rhapsody.

IMG_2695 IMG_2693 IMG_2651 IMG_1975

Il-Ħadd 8 ta’ Ġunju, jum il-festa beda fit-8.00am bil-qudiesa sollenni bil-paniġierku li sar mir-Rev Joseph Mizzi. Iż-żgħażagħ ħadu ħsieb jarmaw il-Bandalora kbira, l-umbrella mekkanizzata u l-imrewħa fil-pjazza. Fl-10.00am il-Banda San Filep bdiet il-marċ ta’ filgħodu li mill-pjazza mexa lejn iz-zoni tal-Anġli, tal-Kandlora u tal-Grazzja qabel reġa lura fil-pjazza fejn il-folla kbira li kienet tistenniha mliet anke Triq Sciortino u parti minn Triq il-Kbira. Bosta libsu kpiepel u flokkijiet ħodor tal-festa waqt li oħrajn xejjru bnadar bl-arma tal-banda jew stampa tal-istatwa ta San Filep. Saru kollegamenti diretti mir-radju tal-każin mal-mar. Il-briju taż-żgħażagħ kien kbir u wara s-2.00pm komplew iffullaw il-bar tal-każin.
Filgħaxija, qabel il-ħruġ tal-purċissjoni, l-Baned Queen Victoria taż-Żurrieq u San Sebastjan ta’ Ħal-Qormi, t-tnejn mistiedna tal-Banda San Filep, għamlu żewġ marċi – tal-ewwel fl-inħawi ta’ Ħal Mula u l-oħra fi Triq il-Kbira minn quddiem il-Coronation Bar. Fis-7.00pm mal-ħruġ tal-purċissjoni nħaraq salut tal-bomba, waqt li l-Banda Queen Victoria bdiet programm mużikali minn fuq palk apposta quddiem iz-zuntier. Il-kantanta Albertine Abela kantat l-Innu Popolari sakemm l-istatwa għaddiet minn quddiem il-banda. Matul il-ħin tal-purċissjoni il-Kamra tan-nar San Filep għamlet ħarqa varjata ta’ nar tal-ajru, beraq, sfejjer, murtali bil-logħob, u murtali tal-kulur li ntemmet b’kaxxa tal-kulur. Tul l-aħħar siegħa tal-purċissjoni, jiġifieri minn ħdejn il-kappella tad-Duluri ‘l quddiem, il-purċissjoni kienet segwita minn żewġ baned: San Bartilmew u San Sebastjan. Tal-ewwel daqqet ħdejn id-Duluri u reġgħet fuq iz-zuntier. Tat-tieni minn fuq il-planċier fejn reġgħet kantat Albertine Abela. Mad-dħul tal-purċissjoni fl-10.00pm fil-knisja ngħatat il-barka u saru r-ringrazzjamenti. Iż-żewġ gruppi tan-nar ingħataw merħba x’ħin waslu l-knisja jippreżentaw bukketti. Il-grupp tan-nar tal-Kamra tan-Nar San Filep qalgħu applaws kbir. Wara l-Banda San Bartilmew għamlet il-marċ tal-aħħar li beda minn fuq iz-zuntier u mexa sal-Coronation Bar u lura sal-Każin San Filep fejn intemm ma nofs il-lejl. F’dak il-ħin waqaf ixandar ukoll ir-radju tal-każin.